L-ewwel distrett elettorali fl-Aġġornament
Sunday, March 12th, 2017
Illum il-ġurnata lkoll nistgħu insegwu l-ħidma parlamentari b`iktar faċilita` u dan grazzi għal pluraliżmu fix-xandir li wassal għal rappurtaġġ kontinwu mill-ġurnali lokali. Magħhom inżid ir-rappurtaġġ tal-kmamar tal-aħbarijiet u kif ukoll xandiriet diretti fuq it-televizjoni. Bħala politiku u kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, dawn l-għodod jgħinuni ħafna biex insegwi mill-viċin il-proċess leġiżlattiv kif wara kollox huwa mitlub u mistenni minni.
Għal ħafna l-iktar ħin interessanti huwa l-mument fejn ir-rappreżentanti ikunu jistgħu jagħmlu numru ta` mistoqsijiet parlamentari. Għalija b`differenza huwa l-ħin tal-aġġornament li nsegwi b`interess partikolari. Il-ħin tal-Aġġornament jalterna bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, b-aħħar nofs siegħa tittieħed mill membri parlamentari biex jagħmlu diskors fuq is-suġġett li jagħżlu huma. Filwaqt li l-bicca l-kbira tal-ħin ikun indirizzat għal proċess leġislattiv fuq skala nazzjonali, l-aġġornament jagħti ċans lid-Deputati Parlamentari jitkellmu dwar temi li huma importanti għalihom u għal kostitwenti tagħhom. Huma l-ftit minuti fejn il-Parlament jifhem iktar u jsegwi iktar mill-qrib suġġetti li għalkemm mhumiex importanti għal ħafna, għal ftit li tikkonċernahom dak is-suġġett partikolari jkun prijorita assoluta.
Li kieku jien Deputat Parlamentari kont nuża l-ħin tal-aġġornament biex nitkellem fuq dan li se nikteb hawn. Ladarba minix, id-diskors li kieku kont nagħmel se niktbu hawn, bit-tama li jiġbed l-interess tal-ħafna. Is-suġġett huwa dwar l-istat li jinsabu fihom il-lokalitajiet li jiffurmaw l-ewwel distrett elettorali, jiġifieri il-Belt Valletta, Floriana, l-Ħamrun, il-Marsa, il-Pieta u Santa Venera. Qed nikteb hekk kif dalgħodu sirna nafu li stabbiliment kbir fil-Ħamrun, li ħafna kienu jħarsu lejh bħala l-qawmien ekonomiku taż-żona, issa se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu. Lkoll nafu r-raġuni għalfejn dan seħħ u għalhekk minix se nidħol fid-deċizjoni meħuda mill-Qrati tal-Ġustizzja u wisq inqas dwar kif dan seta jiġi evitat. Li hu ċert iżda hu li din l-aħbar ħasdet lill-ħafna għax hi musmar ieħor fil-qabar ta` din iż-żona, dawn il-lokalitajiet, li ilhom għexieren ta` snin ma jaraw investiment fihom. Ilkoll irridu nevitaw li dan l-istabbiliment jispiċċa blokka vojta tal-konkrit li tfakkarna fil-bini mitluq ta` Beirut fil-Libanu wara l-gwerra.
Ħafna nismagħhom qed jgħidu li dan l-istabbiliment għalaq għax il-forzi tas-suq hekk jiddettaw. Veru. Oħrajn se jistaqsu jekk hinix nippretendi li l-Istat jew il-Gvern jidħol biex isalva l-istabbiliment jew jieħdu f idejh. Assolutament le għax kont u għadni nemmen li r-rwol tal-Gvern huwa li jkun ta` regolatur. Madankollu dejjem rajt lill-Gvern bħala dak l-attur li joħloq l-aħjar klima, u jgħin biex ikun hemm dawk il-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-investiment, it-tkabbir ekonomiku, l-inizjattiva tan-
negozjant privat. Wieħed jista faċilment jistaqsi jekk din il-klima u jekk dawn l-inċentivi, jeżistux f`dawn il-lokalitajiet. It-twegiba hi ċara ħafna: Le.
Dan il-każ partikolari li forsi xejn u ħadd ma seta jevita huwa biss ħolqa minn katina ta` ċirkustanzi li jinsab fihom l-ewwel distrett elettorali. Għajr il-ħidma ħabrieka u pożittiva li hemm fil-mixja għal Belt kapitali biex tkun il-Belt kulturali Ewropea fl-2018, il-lokalitajiet tal-madwar qajla ibbenefikaw jew qed jidhru li se jibbenefikaw minn dan. Minflok għandna Sindki u kunsilliera li filwaqt li jafu b`dan kollu u jixtiequ jgħinu, m għandhomx il-finanzi u wisq inqas il-ġurisdizzjoni biex jintervjenu.
Illum il-ġurnata, in-nies tal-ewwel distrett jaffaċjaw sfidi kbar. Illum, id-diffikultajiet ma għadhomx jidhru fit-toroq, iżda imxew għal ġewwa d-djar. U sfortunatament, l-isfidi tal-lum huma bosta. Biżżejjed jingħad illi l-istatistika turi illi l-ewwel distrett huwa fuq quddiem nett fejn jidħlu problemi soċjali, b’sittax fil-mija tar-residenti illi jgħixu f’riskju tal-faqar. Iżda l-problemi ma jieqfux hawn. Mat-tmienja u erbgħin fil-mija tar-residenti tal-Belt Valletta huma fil-bżonn, u allura jibbenefikaw mill-benefiċċji soċjali; tnejn punt sebgħa fil-mija tar-residenti tal-Belt Valletta u tnejn fil-mija tar-residenti tal-Floriana huma reġistrati bħala single parents; dawn ikunu it-tielet u r-raba’ l-ogħla rata fil-pajjiż; Kull sena, ġewwa l-Marsa jseħħu it-tielet l-akbar ammont ta’ inċidenti tat-traffiku ġewwa Malta; L-emissjonijiet tan-Nitrogen Oxide ġewwa l-Floriana u l-Ħamrun huma kważi d-doppju tal-medja tal-pajjiż – fil-fatt, fost il-problemi prinċipali tan-nies tal-ewwel distrett hemm l-ambjent, b’aktar minn sittin fil-mija tar-residenti jilmentaw mit-tniġġiż tal-arja u minn problemi oħra ambjentali; L-ewwel distrett ibati minn fost l-ogħla rati ta’ asseintiżmu mill-iskejjel. Dan biex ma nsemmux in-numru kbir ta` djar battala, il-mijiet ta` familji li qed jitilqu jgħixu f lokalitajiet oħra, flimkien ma` l-isfidi multikulturali li jeżistu b`riżultat tal-immigrazzjoni lejn pajjiżna. Il-lista tal-isfidi tkompli.
Dan il-Gvern diġa għamel dak li ta` qabblu m`għamlux f`ħamsa u għoxrin sena meta fl-ewwel sentejn tal-amministrazzjoni tefa il-power station tal-Marsa. Sena wara li l-Power Station tal-Marsa ġiet mitfija, l-Enemalta tikkonferma li l-lokalitajiet tal-inħawi qed igawdu minn kwalità ta’ arja aħjar u l-ilmenti dwar it-trab l-iswed waqfu kompletament. Skont studji li saru b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, f’Jannar ta’ din is-sena, l-ammont ta’ emissjonijiet SO2 (sulphur dioxide) fl-arja fl-inħawi tal-Marsa naqsu b’madwar 80%.
Izda ma nistgħux u maħniex se niefqu hawn. Illum ir-residenti tal-ewwel distrett jafu li kienu, għadhom u se jibqgħu jgħixu f`waħda mill-iktar żoni urbani ta` Malta. Uħud jafu jqabblu dawn il-lokalitajiet mal-Kottonera iżda wisq nibża li l-lokalitajiet fl-ewwel distrett huma f`pozizzjoni iktar żvantaġġjata u dan għaliex m`hemmx il-baħar li jgħin ikun hemm ftit ftuħ għal arja nadifa. Illum m`hemmx post għal zoni ta` rikrejazzjoni,
m`hemmx ġonna u m`hemmx pjazez. Hemm biss ġebel u bini li maż-żminijiet tilef is-sbuħija aestetika li kellu dahri. L-ewwel distrett jeħtieg injezzjoni ta` investiment kapitali mill-Gvern, simili ħafna għal dak li rajna fil-Kottonera u li biddel il-madwar mill-lejl għan nhar. Investiment li jtejjeb il-kwalita tal-ħajja tan-nies, isebbaħ iż-żona u jimmassimiżża l-potenzjal tal-ftit spazzji vojta li fadal, li jinċentiva liż-żgħażagħ jixtru jew jikru l-ewwel dar tagħhom f`din iż-żona u lok biex ħwienet żgħar u negozji jifjorixxu.
Kemm dan l-artiklu se jinfluwenza lill-sħabi Membri Parlamentari ma nistax ngħid. Iżda nista naċċerta li din il-ħolma li jien u r-residenti għandna se tibqa hemm bħala missjoni u se nkun qed naħdem illum minn barra u l-quddiem, minn ġewwa l-Parlament, biex din il-ħolma titwettaq f`qasir żmien.
Dr Aaron Farrugia huwa Kandidat tal-Partit Laburista fuq l-ewwel distrett elettorali
